PRESS RELEASE - KONSULTAZZJONI MAĊ-ĊITTADINI DWAR L-UNJONI EWROPEA U L-FUTUR EKONOMIKU U SOĊJALI

P1020826.jpg

Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, Dr Chris Said, kellu l-opportunita` li jassisti għal mod eżemplari ta’ mezz ta’ djalogu soċjali effettiv - dak tal-forum ta’ konsultazzjoni maċ-ċittadini. Il-forum hu mezz tajjeb ta’ kif tiġi inċentivata d-diskussjoni bejn ċittadini Maltin u dawk Ewropej, permezz ta’ diskussjoni li m’għandhiex ħitan ġeografiċi jew lingwistiċi u li għalhekk tagħti opportunita’ lil kull ċittadin jesprimi l-opinjoni tiegħu b’mod effettiv permezz ta’ dibattitu on-line.

Dr Said tkellem f’ċerimonja tal-għeluq tal-forum, li ġiet organizzata mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp Reġjonali u d-Djalogu, bil-kollaborazzjoni tal-MEUSAC.

It-tema li ġiet diskussa din is-sena f’dan il-forum hija: X’tista’ tagħmel l-Unjoni Ewropea biex ittejjeb il-futur ekonomiku u soċjali fid-dinja tal-lum? – kunċett importanti ħafna għaliex jikkonċerna lil kull ċittadin Ewropew u li għalih jista’ jikkontribwixxi kulħadd billi jesprimi l-ideat tiegħu fuq id-direzzjoni li l-Ewropa qiegħda tieħu għall-futur, speċjalment f’dan il-perjodu ta’ kriżi globali ekonomika. Din kienet l-opportunita’ li ġiet offruta permezz tal-proġett Plan D – proġett Ewropew imfassal biex jinċentiva diskussjoni fuq id-Demokrazija, id-Djalogu u d-Dibattitu.

Il-forum għal din is-sena ffoka fuq sitt miri:
-    il-bżonn ta’ iktar djalogu bejn iċ-ċittadin u min ifassal l-istrateġiji;
-    il-bżonn ta’ iktar involviment taċ-ċittadini f’dibattiti politiċi kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak Ewropew;
-    il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil ta’ pjanijiet għal futur;
-    il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tersaq iktar viċin lejn iċ-ċittadini;
-    il-bżonn li ċ-ċittadini juru iktar interess fuq aspetti li jikkonċernaw l-Unjoni Ewropea;
-    il-bżonn li tiżdied il-koperazzjoni bejn gruppi tas-soċjeta’ ċivili u l-imsieħba tagħhom biex b’hekk tissaħħaħ l-għaqda Ewropea.

“Il-Gvern, biex hu ukoll jagħti sehemu u jenfasizza l-bżonn ta’ iktar djalogu bejn iċ-ċittadini, ħass li għandu jagħti sehemu fit-tnedija ta’ proċessi li jwasslu għal dan il-għan. Għalhekk qed  jinċentiva u jassisti diversi forom ta’ konsultazzjoni mas-soċjeta’ ċivili billi għen biex jitwaqqaf l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarju u tal-Kunsill għas-Settur Volontarju”, stqarr Dr Said.

Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li ssaħħaħ ukoll il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Socjali (MCESD) fejn ir-rwol tiegħu huwa li jiltaqa’ b’mod frekwenti u jiddiskuti materji diversi li xi wħud minnhom ikunu ukoll ta’ kontroversja fil-pajjiż bil-għan li l-Gvern jisma’ l-ideat tal-imsieħba soċjali u sa fejn ikun possibli jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet involuti fil-proċess.

Pass ieħor li twettaq mill-Gvern kien li s-sena l-oħra reġa’ twaqqaf il-MEUSAC li joffri ukoll il-funzjoni ta’ konsultazzjoni dwar il-liġijiet u direttivi ġodda tal-Unjoni Ewropea u li jwassal l-informazzjoni lill-pubbliku in ġenerali. Twaqqaf ukoll il-Core Group tal-MEUSAC fejn jiddiskuti materji b’rabta mal-Unjoni Ewropea b’implikazzjoni nazzjonali.

Dan l-aħħar saret ukoll sħubija ta’ ġestjoni bejn il-Gvern, il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea fejn l-għan ewlieni kien li jissaħħu l-koordinazzjonijiet ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni dwar prijoritajiet magħżula msejsa fuq pjanijiet ta’ komunikazjoni konġunta. Din il-koperazzjoni ser tgħin biex twassal dibattiti ta’ livell Ewropew fuq livell iktar qrib lejn iċ-ċittadini Maltin.

“Il-Gvern illum qiegħed ukoll permezz ta’ din il-laqgħa jaċċetta r-rakkomandazzjonijiet li ġew diskussi fil-forum. Dawn ir-rakomandazzjonijiet ser jiġu mgħoddija fil-fora tal-entitajiet governattivi inklużi l-MCESD u l-MEUSAC ħalli b’hekk nkunu nistgħu naraw riżultati tanġibbli bbażati fuq dawn il-proposti”, temm jgħid Dr Said.
 

www.doi.gov.mt/EN/press_releases/2009/03/pr0495.asp

0 comments